Jum il-Ħaddiem għandu jservi bħala ispirazzjoni lill-forzi tax-xellug f’Malta biex jikkollaboraw iktar flimkien bil-għan li jkun hawn soċjetà b’iktar ugwaljanza. Malta teħtieġ moviment xellugi magħqud li jaspira li jiggverna bil-għan li jġib il-bidliet meħieġa biex f’Malta ikun hawn iktar ugwaljanza, ġustizzja soċjali u sostenibilità ekoloġika.
Il-partiti politiċi u l-għaqdiet xellugin għandhom jikkollaboraw iktar flimkien u biex jiffurmaw alleanzi. Barra minn hekk, l-unjins tal-ħaddiema biex jevitaw id-differenzi ta’ bejniethom u bil-għan li jkun iffurmat kunsill trejdunjonistiku.
Malta teħtieġ xellug b’saħħtu minħabba r-realtajiet li qiegħdin jiffaċċjaw eluf ta’ nies. Dawn jinkludu ż-żieda fil-prekarjat, li qiegħda taffettwa mhux biss lil ħaddiema full-time, iżda ukoll ħaddiema part-time, ħaddiema fuq kun-tratt, ħaddiema każwali, u anke dawk b’xogħol tal-klassi tan-nofs u s-self employed iż-żgħar.
Barra minn hekk, l-għoli tal-ħajja f’numru ta’ prodotti u servizzi qiegħda tibqa’ tiżided. Iż-żieda ta’ liberalizzazzjoni u privatizzazzjoni fl-ekonomija Maltija qed iwassal għall-ħolqien ta’ monopolji u kartels privati.
Għalhekk, Żminijietna - Leħen ix-Xellug se tagħmel l-almu tagħha biex f’Malta jkun hawn moviment xellugi magħqud.