Hajjitna Kkapparrata mil-Kapital - Alfred Consiglio |
|
Zminijietna Harga Lulju – Settembru 2008 |
|
Il-kapital għandu l-ħabta u l-abbilta` li jassorbi theddida reali, jagħmilha mhux perikoluża u jbiegħ id-dell tagħha lura lilna. L-eżempji huma kollha magħna. L-immaġni ikonika ta’ Che Guevara tbiegħ kollox, minn ħwejjeg sa lajter tas-sigaretti. Riklam riċenti minn katina ta’ stabbilimenti ta’ pizza juri sfond aħmar stil bolxevist bil-kliem “Issieħeb mar-Rivoluzzjoni”. Kultura pop hija wkoll imberfla b’oppożizzjoni li mhix ġenwina. Minkejja r-ribelljoni simbolika tagħhom, titli ta’ kanzunetti ma joffru xejn ħlief reazzjoni simbolika awtomatika bla ħsieb u pretenzjuza. Il-moviment punk, minkejja l-prużunzjoni xewwiexa tiegħu, kien approprjat u miblugħ mill-forzi tas-suq malli dan ħoloq theddida. Il-moda, kemm punk u kemm hippy, kienu mibjugħa b’mod aggressiv bl-immaġni ribelluża tagħhom iżżejjen kemm il-passarelli ta’ l-isfilati tal-moda u kemm il-ħwienet prinċipali tal-ħwejjeġ tal-moda. Movimenti soċjali radikali huma wkoll iħħajġekkjati bla diffikulta mill-kapitaliżmu. Qalleb magazin ekoloġiku fejn artikli fuq protesti ambjentali ssibhom ma’ ġenb diversi riklami għal terapiji alternattivi, ikel eco-friendly, opportunitajiet ta’ investiment u supplimenti tad-dieta. Warrab ix-xejra dominanti iżda tagħmel x’tagħmel, kompli kkonsma!! Kampanji favur l-ambjent biss, billi jipproġettaw il-kwestjoni bħala ħaġa iżolata, jaljenaw lil dawk b’intenzjoni tajba, lejn sqaq magħluq billi jonqsu li jikxfu s-sorsi veri tal-problema, li huwa l-kapital. It-trejdunjins huma wkoll parti mill-ispettaklu. Strutturi ġerarkiċi burokratiċi huma mmaniġjati minn mexxejja professjonali li jagħtu l-impressjoni li jirrappreżentaw lill-membri. Jaqsmu lill-ħaddiema bis-sengħa u l-post tax-xogħol, dawn jassistu lis-sidien biex jinnegozjaw it-termini ta’ l-esplojtazzjoni aktar milli jagħtu pariri u jiġġieldu għal kontroll mill-ħaddiema. Bħala għaqdiet difensivi huma ta’ spiss jaċċettaw attakki fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u livelli ta’ ħajja b’sempliċi tnehida b’ton baxx. Metodi ppruvati ta’ organizzazzjoni u azzjoni industrijali diretta u effettiva huma definittivament le u le għal mexxejja trejdunjonistiċi riformisti. Dawn il-mexxejja iwarrbu l-effikaċja tat-theddida ta’ militantiżmu billi jappellaw lil dawk fis-setgħa aktar milli li joħolqulhom sfida. Id-dritt fundamentali tal-bosses li jisfruttawna qatt mhu diskutibbli. Ħaddiema jipprotestaw u oħrajn li jieħdu azzjoni diretta huma kkundannati bil-qawwa minn gruppi hekk imsejħin progressivi bl-iskuża li dawn il-ħaddiema m’għandhomx analiżi korretta tas-sitwazzjoni. Dawn il-gruppi jibżgħu li xi mossa tista’ ddgħajjef l-intenzjoni vera tagħhom li jkomplu l-ispettaklu tal-ftit li jikkmandaw lil ħafna. Fi ftit kliem, xi ħaġa anqas minn attakk komplut fuq kull ġerarkiji soċjali oppressivi u kundizzjonijiet ekonomiċi li jgħassruna mhux biżżejjed. Is-sitwazzjonijiet juru kif xewqat umani dejjem ikunu f’kunflitt mall-kapital. F’mumenti ta’ komunita` vera bħal fi żmien ta’ diffikultajiet u taqtigħat tistrieħ il-possibilita` ta’ futur ferrieħi u eżistenza ħielsa. |
|
| Articles Main Page | |