| Kunċett Industrijali Strateġiku - Apert |
|
Zminijietna – Harga Jannar - Marzu 2009 |
|
Il-globalizzazzjoni kienet tikseb livell għoli ta’ effiċjenza u tilħaq l-aqwa għanijiet soċjo-ekonomiċi kieku f’dan iż-żmien ta’ avvanzi kbar teknoloġiċi kellha titħaddem b`impenn progressiv. Din is-sistema ta’ moviment ta’ nies, xogħol u negozju bla fruntieri żiedet l-effiċjenza fil-produzzjoni, servizzi u kummerċ, imma ma ġabitx l-avvanz mixtieq, la soċjali u lanqas ekonomiku. Dan jixhduh il-kriżi ħarxa ekonomika internazzjonali u l-faqar li qed jikber kullimkien. Allura kif issarraf u fejn sparixxa t-titjib fl-effiċjenza, la ma rriżultax fi progress soċjali u ekonomiku? Apparti li s-sistema ftit li xejn aġevolat lill-konsumatur, il-movimenti liberi tan-nies u tax-xogħol servew ta’ vantaġġ tripplu għas-sidien u ta’ żvantaġġ doppju għall-ħaddiema. Biċ-ċaqlieq ta’ mpjant lejn pajjiż barrani, sid jisfrutta l-ħaddiema li jimpjega b`irħis fil-post il-ġdid, u aktarx li jipprofitta wkoll mill-ħiliet li bl-edukazzjoni jkun għenu jikseb il-gvern tal-istat li jmur fih. L-ingranaġġ tas-sistema jdur fuq ċerti kundizzjonijiet degradanti għan-nies tax-xogħol, għax joffru lok lis-sidien biex jirrikattaw ħaddiema lokali u jisfruttaw lil barranin, kif ukoll jirkbu gratis b`mod intimidanti fuq l-investiment tal-gvern fl-edukazzjoni. Il-kawża kruċjali għal dan l-iżbilanċ anti-demokratiku, hija l-kundizzjoni strateġika li “ħaddiem barrani jkollu ħlas u kundizzjonijiet ta pajjiżu, u mhux tal-post fejn jaħdem”. Din hija tentazzjoni għas-sid biex f`pajjiż żviluppat iħaddem barranin b`irħis. Proġetti kbar inħadmu b`dan il-mod a-skapitu tal-ħaddiema tal-lokal u favur il-kuntratturi. Bl-istess tattika, sidien jimmultipl-ikaw il-qliegħ billi jsibu skużi biex jilliċenzjaw ħaddiema, u flokhom iħaddmu oħrajn b`kundizzjonijet inferjuri. Gvernijiet waslu biex jikkollaboraw f’atti bħal dawn, anke bi privatizzazzjoni ta’ azjendi/xogħolijiet statali. F`Malta esperjenzajna każ klassiku bil-privatizzazzjoni tax-xogħol tat-tindif tal-isptar statali, fejn il-kuntrattur privat iħaddem nies bi qliegħ ta’ 210 Ewro fil-ġimgħa fuq kull ħaddiem. Apparti li bħal fi privatizzazzjonijiet oħra, skont il-klijenti l-effiċjenza ma tjibitx, b`dan il-privatizzar il-kuntrattur qed jaqla 141% u l-gvern qed iħallas iżjed mid-doppju ta’ kemm kienu jiswewlu l-fattigi tiegħu. Mar tajjeb il-kuntrattur biss. Dan isir bil-protezzjoni tat-trattat ta’ Liżbona, u bl-arja tal-kompetizzjoni fost il-ħaddiema f`suq tax-xogħol mimli Maltin u mifqugħ bil-barranin, lesti jaċċettaw kundizzjonijiet ta’ pajjiżi anqas żviluppati. Il-gvern lemini Malti jappoġġja u jsegwi l-kundizzjoni strateġika addottata fit-trattat mill-maġġoranza leminija fil-parlament Ewropew, bl-approvazzjoni tal-gvernijiet membri tal-UE, fejn tal-lemin huma wkoll il-grupp maġġoritarju. S`issa dejjem tal-lemin influwenzaw il-linja tat-tmexxija effettiva burokratika ta’ Brussell. Jeħtieġ li l-Ewropej jibdlu l-istrateġija tal-isfruttament tal-ħaddiema b`xaqliba lejn ix-xellug, li jemmen f’politika industrijali bbażata fuq “l-istess kundizzjonijiet għall-istess xogħol fl-istess pajjiż, irrispettivament min-nazzjonalita’ tal-ħaddiema”. Il-ħaddiem Ewropew meta se jirreaġixxi għall-arma strateġika tas-sidien, b`din it-tarka xellugija? Ejja nipparteċipaw f`din il-bidla b`għażla ta’ Membri Parlamentari Maltin xellugin fl-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej. Apert - Birkirkara. |
|
| Articles Main Page | |